Anne Frank: Id-Djarju ta' Tfalja
Free local delivery
Dan Id-Djarju ta’ Tfajla jew kif inhu iżjed magħruf, Id-Djarju ta’ Anne Frank, hu maqlub għall-Malti mill-verżjoni ingliża ta’ Susan Massotty minn Mary Rose Mifsud. Dan il-ktieb jinkludi it-test innifsu tad-Djarju ta’ Anne Frank kif ġie editjat minn Otto Frank u Mirjam Pressler u ppreżentat fl-edizzjoni definittiva li ħarġet fl-2007, fl-okkażjoni tas-sittin anniversarju tal-ewwel pubblikazzjoni tiegħu fl-1947.
Din l-edizzjoni tad-Djarju tiftaħ b’Daħla mill-Professur Oliver Friġġieri li fiha jirrifletti fuq l-importanza storika tad-Djarju u l-valur morali tiegħu, kif ukoll jagħti ħarsa kritika fil-qosor lejn din it-traduzzjoni. Issegwi Nota tat-Traduttriċi li fiha Mifsud tiddeskrivi l-proċess li użat fit-traduzzjoni tagħha u tispjega għaliex waslet għal ċerti għażliet lingwistiċi, xi kultant saħansitra b’paragun ma’ traduzzjonijiet f’ilsna oħra.
Dan il-ktieb jinkludi wkoll il-Kelmtejn Qabel u l-Kelmtejn Wara ta’ Massotty nfisha. Isegwu noti dettaljati dwar il-personaġġi u l-postijiet imsemmija fil-test oriġinali, kif ukoll dwar xi avvenimenti storiċi u xi kliem importanti biex jinftiehem sew dak li kitbet Anne. Dawn in-noti huma mmirati għall-qarrejja Maltin li jridu japprofondixxu l-għarfien tat-test u jkattru l-pjaċir li jieħdu mill-qari tiegħu. Għal din ir-raġuni n-noti jinkludu informazzjoni dwar x’ġara minn nies u l-postijiet anki wara li jieqaf id-Djarju. Mifsud għamlet ħilitha biex testendi din l-informazzjoni sakemm il-ktieb tagħha mar għall-istampar. Uħud min-noti jagħtu wkoll l-opportunità lill-qarrejja, jipparagunaw dak li ssemmi Anne Frank ma’ x’kien qed jiġri f’Malta fl-istess żmien.
Fis-sezzjoni Fatti, Kontroversji, Aġġornamenti Mifsud tirrakkonta bosta episodji mill-ġrajja tad-Djarju minn meta ġie ppubblikat għall-ewwel darba fl-1947 sal-lum. Din it-traduzzjoni tinkludi wkoll numru ta' ritratti tan-nies li jissemmew fid-Djarju, kif ukoll Bibljiografija estensiva li għanda tħajjar lill-qarrejja jkomplu jwessgħu t-tagħrif tagħhom dwar l-Olokawst u avvenimenti storiċi oħra.