Ftakar Nannu, Ftakar!
Free local delivery
Ktieb immirat għat-tfal żgħar dwar id-dimensja miktub minn Doris Schembri u illustrazzjonijiet ta' Philip Taliana u Ryan Galea.
Xi ġralu n-nannu Nenu? Tgħid għaliex sar jinsa ħafna? Issa nipprova ngħinu jien biex jiftakar.
Dan ix-xogħol sar b'kollaborazzjoni mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
___
Il-kundizzjoni tad-dimensja qiegħda dejjem tiżdied mad-dinja kollha, inkluż f ’Malta. Dan ġej mill-fatt li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed ngħixu fit-tul. Għalkemm id-dimensja narawha l-aktar fl-anzjani, din il-kundizzjoni tista’ taqbdek ta’ kull età. Li jiġri huwa li jkun hemm ħsara fil-moħħ u minħabba f ’hekk il-persuna tibda tesperjenza numru ta’ sintomi bħal diffikultà fil-memorja, diffikultà biex tikkomunika permezz tal-lingwa, li titfixkel fejn jitpoġġew l-affarijiet, u diffikultà biex tagħmel attivitajiet ta’ kuljum bħal tmur tixtri, tilbes, tinħasel jew saħansitra tagħmel tazza te. Huwa importanti li nżidu l-għarfien ta’ din il-kundizzjoni sabiex insiru nafu aktar kif għandna nieħdu ħsieb lil dawn in-nies li jgħixu bid-dimensja. Ta’ min isemmi wkoll li nistgħu nagħmlu ħafna affarijiet biex innaqqsu r-riskju li jkollna dimensja aktar ’il quddiem fil-ħajja tagħna, u dan għandna nagħmluh minn età bikrija bħal, pereżempju, nieklu ikel bnin u tajjeb għas-saħħa li jagħmel ħafna ġid lil moħħna. Dan il-ktieb għandu jkun sors ta’ għarfien fuq il-kundizzjoni tad-dimensja, u kif aħna, anki fiċ-ċokon tagħna, nagħrfu kif nindukraw dawn in-nies u ngħinuhom jgħixu ħajja aħjar.
Charles Scerri PhD (Dundee)
Professur fl-Istudji tad-Dimensja
Dipartiment tal-Patoloġija
L-Università ta’ Malta